Monday, 22 September 2014

Messaġġ tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet li fiha ppreżenta r-rapport tar-Raba' Sena Ħidma mill-Gvern

Published on 13-Apr-2012Print this Article

Flimkien noħolqu x-xogħol.  Għalik.

F’dawn l-erba’ snin, il-Gvern kien iffukat fuq il-ħolqien tal-impjiegi.  Investejna b’mod qawwi biex inħajru aktar kumpaniji u fabbriki jiftħu f’Malta u joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.  U min diġa għandu investiment f’Malta, tajnih l-appoġġ biex jinvesti u jimpjega aktar.

Għas-self-employed, u s-sidien tal-ħwienet u n-negozji żgħar u medji għamilna skemi ta’ għajnuna finanzjarja u tnaqqis fl-income tax

L-impjiegi ħdimna għalihom kuljum.

Ir-riżultat ta’ dan kollu kien li f’4 snin, ħloqna 20,000 impjieg ġdid. 

Ħdimna flimkien biex noħolqu x-xogħol. Għalik. 

Irsistejna biex iż-żgħażagħ ikollhom impjieg li jagħtihom sodisfazzjon.

B’aktar family friendly measures u bi tnaqqis fl-income tax, qed noħolqu impjiegi għall-ommijiet li jagħżlu li jidħlu jew jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. 2,800 omm, fis-sena, qed igawdu minn skema li biha ma jħallsux income tax

Persuni li jilħqu l-età tal-irtirar, issa jistgħu jibqgħu f’impjieg u barra l-paga jieħdu pensjoni sħiħa.  U f’dawn l-4 snin żidna wkoll il-pensjoni bi kważi €1,000.

Żammejna l-finanzi ta’ pajjiżna fis-sod u għat-tielet sena fl-2009 naqqasna l-income tax għal kulħadd.  Minn din is-sena erġajna naqqasna l-income tax għall-ġenituri li jaħdmu.

Investejna aktar fl-edukazzjoni. Illum it-tfal u ż-żgħażagħ qed jużaw faċilitajiet ġodda bħall-interactive whiteboards fil-klassijiet u apparat tax-xjenza u t-teknoloġija f’163 laboratorju ġdid.  F’dawn l-4 snin ftaħna skola ġdida kull sena, u f’Settembru li ġej niftħu l-ħames waħda.  U qed nibnu Campus ġdid tal-MCAST.

Frixna l-istipendju u 18,600 student u studenta qed jieħdu l-istipendju.  Għaxar snin ilu anqas minn 50% taż-żgħażagħ kienu jkomplu jistudjaw wara l-Form V.  Illum qed ikomplu jistudjaw, 73% taż-żgħażagħ.

Fil-qasam tas-saħħa, żidna s-servizzi li jingħataw.  Fl-Isptar Mater Dei, aktar pazjenti qed jingħataw kura.  Is-sena li għaddiet saru kważi 44,000 operazzjoni – 11,000 operazzjoni aktar minn dawk li kienu jsiru fl-Isptar San Luqa.

Qed nagħmlu l-akbar investiment kontra l-marda tal-kanċer, b’żieda fil-mediċini b’xejn u bl-użu tal-aħħar teknoloġija għall-prevenzjoni u l-kura ta’ din il-marda, inkluż b’Ċentru ġdid tal-Onkoloġija. 

Għall-anzjani qed inżidu s-servizzi fil-komunità u ftaħna l-ewwel żewġ night shelters.  F’dawn l-4 snin, żidna s-sodod għall-anzjani fid-djar residenzjali bi kważi 800 biex illum għandna viċin l-2,500 sodda għall-anzjani.

L-investiment li qed nagħmlu għat-tfal u l-familji hu mifrux.  Għamilna aktar spazji pubbliċi ġodda, aktar ġonna u faċilitajiet sportivi.  Proġetti għalik.

Is-sena li għaddiet kienet ikkaraterizzata wkoll mit-taqlib politiku ta’ pajjiżi ġirien tagħna.  Irrispondejna b’deċiżjonijiet tajba u f’waqthom u tajna għajnuna lill-poplu Libjan meta kien qiegħed jissielet għad-drittijiet tiegħu.

L-isfidi fil-qasam ekonomiku huma kbar.  Il-qagħda ekonomika internazzjonali kienet u għadha diffiċli.  Kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra, aħna bqajna noħolqu l-impjiegi u nnaqqsu l-qgħad.

F’dawn l-4 snin ħdimna flimkien biex l-isfidi indawwruhom f’opportunitajiet.  Ir-riżultati ksibnihom bis-sehem ta’ kulħadd ... flimkien ... ta’ min iħaddem, il-ħaddiema, is-self employed, ta’ min għandu negozju, il-ġenituri li jrabbu t-tfal, l-anzjani...... bis-sehem ta’ min jirrappreżenta lill-ħaddiema u lil min iħaddem, is-soċjetà ċivili....

Flimkien investejna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tiegħek, f’qagħda ekonomika internazzjonali diffiċli.

Flimkien ħdimna b’għaqal. B’direzzjoni. U b’fiduċja.

Flimkien ħloqna x-xogħol u l-impjiegi. Għalik.



Back to list
spacer
 
This website uses flash animation. Download flash player for free by clicking here.
This website requires PDF Reader technology. Install the PDF Reader to view.
GOV.MT DOI
Designed by Liquid Studios Ltd.
Powered by FlexiPort
Ver 1.0.4787