Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg ħabbar li Malta u l-Italja se jkunu qiegħdin isaħħu ir-relazzjonijiet bilaterali permezz ta’ djalogu strutturat bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa mistenni li f’dan id-djalogu, li l-ewwel laqgħa tiegħu mistennija ssir fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, ikunu diskussi diversi temi ta’ rilevanaza bilaterali fosthom it-titjieb ekonomiku u kummerċjali, l-edukazzjoni u l-kultura, u temi politiċi oħrajn ta’ rilevanza bilaterali u multilaterali.
Huwa ħabbar dan wara laqgħa li kellu mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan Giulio Terzi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-Italja. Il-Ministru Borg kien qed jakkumpanja lill-President ta’ Malta Dr George Abela fiż-żjara statali fl-Italja.
F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi li jolqtu liż-żewġ naħat b’mod bilaterali kif ukoll temi oħrajn relatati mal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Borg fakkar fir-relazzjonijiet eċċellenti li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi, mhux biss fuq l-aspett ta’ relazzjonijiet politiċi iżda anki dawk bejn il-popli. L-Italja huwa wieħed mill-iktar pajjiżi importanti fl-oqsma ekonomiċi, kulturali u dawk marbuta mat-turiżmu.
Dwar il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq li fihom saret ir-rivoluzzjoni politika, il-Viċi Prim Ministru qal li Malta qeda tħares mill-qrib l-iżviluppi li qed isiru fil-Libja, fl-Eġittu u fit-Tuneżija. Huwa rreferea għaż-żjara li għamel fil-bidu ta’ din il-ġimgħa fit-Tuneżija, u talab sabiex l-Italja u Malta jagħmlu ħilithom biex iressqu l-bżonnijiet ta’ dawn il-pajjiżi quddiem il-fora ewropej.
Minn naħa tiegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Terzi, laqa’ l-inizjattiva li qed jipproponi Dr Borg sabiex isir summit kull sentejn bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija. Huwa feraħ lil Malta għas-Summit tal-5 + 5 li pajjiżna se jkun qed jospita f’Ottubru ta’ din is-sena.
Huwa temm jgħid li jħares biex ‘l quddiem jirreċiproka din iż-żjara ġewwa Malta.