Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg kellu laqgħat bilaterali mal-President tar-Repubblika tat-Tuneżija Moncef Marzouki, waqt żjara uffiċjali li qed iwettaq fit-Tuneżija. Dr Borg huwa l-ewwel membru tal-Gvern Malti li kellu laqgħat mal-Gvern il-gdid Tunezin.
Din hija t-tieni zjara mill-Ministru Borg f’dan il-pajjiż wara li seħħet ir-rivoluzzjoni f’Jannar tas-sena 2011, l-ewwel żjara tal-Viċi Prim Ministru wara r-rivoluzzjoni seħħet fi Frar tas-sena li għaddiet.
Waqt id-diskussjonijiet, il-Viċi Prim Ministru Dr Tonio Borg faħħar il-progress li qed isir biex it-Tuneżija tissaħħaħ fil-mixja demokratika li bdiet is-sena li għaddiet. Huwa offra l-għajnuna ta’ Malta f’diversi oqsma, speċjalment dawk marbuta mal-edukazzjoni u s-saħħa.
Dr Borg qal li Malta lesta li toffri mir-riżorsi limitati tagħha l-għajnuna li tista’ biex tgħin lil poplu Tuneżin. Semma l-boroż ta’ studju li qed jiġu offruti fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwa u fil-MEDAC. Qal li diġa hemm numru ta’ studenti u uffiċjali pubbliċi Tuneżini li qed igawdu minn din l-inizjattiva.
Intant, il-Viċi Prim Ministru Dr Tonio Borg qal li Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea, u b’vokazzjoni Mediterranja, qed tagħmel ħilitha kollha biex issemma leħen it-Tunezija fil-fora Ewropej.
Minn naħa tiegħu, il-President tat-Tuneżija, Moncef Marzouki irringrazzja lil Dr Borg tal-ħbiberija li qed juri pajjizna. Faħħar l-avvanzi kbar li għamlet Malta f’diversi oqsma fosthom dawk marbutin mas-settur finanzjarju. Is-Sur Marzouki kompla jgħid li Malta u t-Tuneżija jistgħu isibu diversi oqsma inkomuni li fihom jistgħu jimirħu.
Il-President Tuneżin faħħar l-inizjattiva ta’ Malta li qed tippropni li jsiru summits kull sentejn bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Għarab, huwa qal li jappoġġja din il-proposta u jħares il-quddiem biex din issir realtà.
Il-Viċi Prim Ministru Dr Tonio Borg kellu laqgħat ukoll mal-President tal-Assembleja Kostitwenti Mustafa Ben Jaafar u iktar tard illum kellu taħditiet bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin Rafik Abdessalem.
|