
Il-Ġimgha 16 ta’ Jannar 2009 wara nofsinhar, l-ewwel Ambaxxatur Malti residenti fil-Polonja, Gaetan Naudi, ippreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President Lech Kaczyński, f’ċerimonja li nżammet f’Varsavja maqsuma f’żewg partijiet, kif inhi t-tradizzjoni protokollari fil-pajjiż. Wara d-daqq ta’ l-Innu Malti fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali minn banda tal-Forzi Armati, l-Ambaxxatur spezzjona Gwardja ta’ l-Unur u imbgħad sellem lis-suldati bil-lingwa Pollakka.
Fil-laqgħa li kellu ftit wara mal-President Kaczyński, l-Ambaxxatur Naudi semma kemm iħossu privileġġjat li mhux biss kellu jinħatar bħala l-ewwel Ambaxxatur ta’ Malta residenti fil-pajjiż, izda wkoll li, fi ftit ġranet oħra, kellu jżur il-Polonja l-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami u s-Sinjura tiegħu, flimkien ma’ delegazzjoni numeruża li tkun tinkludi lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u bosta industrijalisti u kummerċjanti Maltin. Din iż-żjara, li kienet qed issir fuq stedina ta’ l-istess President Pollakk, tixhed l-interess li jeżisti fost iż-żewġ naħat sabiex joktru u jissaħħu r-rabtiet li jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi Ewropej flimkien.
Il-President Kaczyński ikkonferma li jħossu kuntent li l-akbar pajjiż flimkien ma’ l-iżgħar wieħed mill-għaxra li daħlu fl-Unjoni Ewropea f’Mejju ta’ l-2004 għandhom affjatament daqstant mill-qrib ma’ xulxin. Mingħajr dubju, id-dħul fl-Ewropa kien sewa ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi. Filwaqt li fuq livell domestiku kemm Malta kif ukoll il-Polonja sejrin tajjeb, anki bejniethom iċ-ċifri inkoraġġanti fl-oqsma tan-negozju u tat-turiżmu huma xhieda ħajja tal-għaqal tad-deċiżjoni li ħadu t-tnejn sabiex jissieħbu fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, ma kienx jimporta li pajjiż kien kbir u l-iehor żgħir għaliex it-tnejn għarfu jagħtu l-aħjar tagħhom, u b’hekk kisbu l-benefiċċji li ġabitilhom is-sħubija fl-Ewropa.
Aktar tard, l-Ambaxxatur Naudi għadda għat-tieni fażi taċ-ċerimonja, fejn radd gieħ lil dawk is-suldati li mietu fl-imgħoddi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom lill-pajjiż billi qiegħed kuruna ta’ fjuri bojod u ħomor, li jissimbolizzaw il-kuluri ta’ Malta kif ukoll dawk Pollakki, fuq il-monument tas-Suldat mhux Magħruf fil-Pjazza Piwsudski.
|